Sit web uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Formoli elettroniċi
X’inhuma l-formoli elettroniċi (eForms)?
Il-formoli elettroniċi huma l-istandard leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea għad-data dwar l-akkwist li jużaw ix-xerrejja pubbliċi biex jippubblikaw l-avviżi fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fuq is-sit web tat-TED.
Dawn il-formoli standard ġew stabbiliti fl-2019 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1780. L-Anness tar-Regolament fih dettalji dwar kif għandhom jintużaw il-formoli elettroniċi, biex jiġu ppubblikati l-avviżi tal-akkwist. Pereżempju, dan jiddefinixxi u jiddeskrivi t-termini tan-negozju, u għal kull tip ta’ avviż jiddetermina jekk dawn ikunux ipprojbiti, obbligatorji jew obbligatorji kundizzjonalment.
Ir-Regolament tal-formoli elettroniċi ġie emendat darbtejn, f’Novembru 2022 u f’Diċembru 2023. Minħabba bosta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni settorjali, kien hemm il-ħtieġa wkoll li jiddaħħlu ċerti entrati fil-formoli elettroniċi.
L-avviżi tal-akkwist pubbliku setgħu jibdew jiġu ppubblikati bil-formoli elettroniċi standard minn Novembru 2022, filwaqt li l-formoli elettroniċi saru obbligatorji f’Ottubru 2023. Il-formoli elettroniċi ħadu post il-formoli standard preċedenti li kienu konformi mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1986.
X’inhu l-iskop tal-formoli elettroniċi (eForms)?
Il-formoli elettroniċi jaqdu diversi funzjonijiet. Apparti r-rwol primarju tagħhom fil-pubblikazzjoni tal-avviżi fuq it-TED, dawn jintużaw anki għall-ġbir tad-data u għandhom il-potenzjal li jappoġġaw lil dawk li jfasslu l-politika u lir-riutenti.
B’mod konkret, il-formoli elettroniċi għandhom l-għan li:
- iżidu l-abbiltà tal-operaturi ekonomiċi li jsibu avviżi rilevanti;
- inaqqsu l-piż amministrattiv għax-xerrejja;
- iżidu l-kapaċitajiet tal-gvernijiet biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-infiq pubbliku li jkunu msejsa fuq id-data; u
- l-akkwist pubbliku jsir aktar trasparenti għaċ-ċittadini.
Tipi ta’ avviżi tal-akkwist pubbliku fil-formoli elettroniċi
Il-formoli elettroniċi jistandardizzaw it-tipi tal-formoli li ġejjin:
- Konsultazzjoni
Il-formoli tal-Konsultazzjoni ta’ qabel is-suq jistgħu jintużaw mix-xerrejja pubbliċi biex jiksbu stampa aktar ċara mingħand l-operaturi ekonomiċi dwar il-prodotti, ix-xogħlijiet u s-servizzi disponibbli għal kompetizzjoni prevista. F’dan l-istadju, l-avviżi tal-Konsultazzjoni mhumiex assoċjati ma’ proċedura tal-akkwist speċifika.
- Ippjanar
Il-formoli tal-Ippjanar jistgħu jiġu ppubblikati qabel tinfetaħ sejħa kompetittiva bħala avviżi ta’ informazzjoni minn qabel jew avviżi indikattivi perjodiċi. L-avviżi tal-Ippjanar mhumiex marbuta inizjalment ma’ proċedura tal-akkwist iżda normalment warajhom joħroġ avviż wieħed jew aktar tal-Kompetizzjoni li jkun marbut b’lura ma’ avviż tal-Ippjanar.
- Kompetizzjoni
Il-formoli tal-Kompetizzjoni jintużaw biex iħabbru tipi differenti ta’ sejħiet kompetittivi, permezz ta’ avviż ta’ kuntratt, konċessjoni jew konkors tad-disinn. L-avviżi tal-Kompetizzjoni jipprovdu dettalji dwar kif se jsiru l-proċeduri tal-akkwist, inkluż jekk l-akkwist ikunx maqsum f’lottijiet, il-post tat-twettiq, ir-rabtiet mad-dokumenti tal-akkwist, u l-iskadenzi sa meta l-operaturi ekonomiċi jistgħu jipparteċipaw jew jissottomettu l-offerti.
- Avviż bil-Quddiem dwar Għoti Dirett (DAP)
Bil-formoli tal-Avviż bil-Quddiem dwar Għoti Dirett (imsejħa wkoll avviżi tat-Trasparenza Ex-Ante Volontarji), ix-xerrejja jkunu jistgħu jħabbru l-intenzjoni tagħhom li jagħtu kuntratt direttament (jiġifieri mingħajr sejħa kompetittiva) lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar. B’differenza mill-avviżi tar-Riżultat, l-avviżi DAP jiġu ppubblikati qabel l-iffirmar tal-kuntratt.
- Riżultat
Il-formoli tar-Riżultat jintużaw biex jitħabbar l-eżitu ta’ proċedura tal-akkwist. Dawn jirreferu għall-avviż tal-Kompetizzjoni u jipprovdu informazzjoni dwar l-għoti, bħall-valur tal-kuntratt jew tal-konċessjoni, l-offerenti rebbieħa, l-għadd ta’ offerti riċevuti, u informazzjoni dwar akkwist strateġiku. L-avviżi tal-Kompetizzjoni jistgħu jwasslu għal aktar minn avviż tal-Riżultat wieħed, pereżempju, meta jingħataw kuntratti għal lottijiet fi żminijiet differenti.
- Modifika f’Kuntratt
Il-kuntratti jaf ikollhom bżonn jiġu modifikati jew emendati waqt l-eżekuzzjoni tagħhom. Jekk ma tkunx meħtieġa proċedura tal-akkwist ġdida, l-avviż ta’ Modifika f’Kuntratt jagħti dettalji dwar il-bidliet skont il-kuntratt mogħti fl-avviż tar-Riżultat.
- Tlestija
Malli jintemm kuntratt, ix-xerrejja jistgħu jużaw avviżi tat-Tlestija ta’ Kuntratt biex jirrapportaw fuq id-dettalji tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħall-ammont minfuq.
Ix-xerrejja jistgħu jaġġornaw l-informazzjoni fit-tipi kollha tal-formoli permezz ta’ avviżi tal-bidla. Imbagħad tiġi ppubblikata verżjoni ġdida tal-avviż, li tikkonsolida l-informazzjoni, b’deskrizzjoni tal-bidla, bħall-estensjoni ta’ skadenza għal avviż tal-Kompetizzjoni.
B’avviż tal-bidla ma tistax tiġi aġġornata l-informazzjoni kollha. Ngħidu aħna, avviż tal-bidla ma jistax jagħmel bidliet sinifikanti bħal żieda jew tneħħija ta’ lottijiet.
It-tipi tal-formoli huma kategorizzati aktar f’46 sottotip ta’ avviżi abbażi tal-erba’ direttivi ewlenin dwar l-akkwist pubbliku:
- Il-kuntratti pubbliċi ġenerali għal xogħlijiet, provvisti, u servizzi (id-Direttiva 2014/24/UE)
- L-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali (id-Direttiva 2014/25/UE)
- Il-konċessjonijiet (id-Direttiva 2014/23/UE)
- L-akkwist fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà (id-Direttiva 2009/81/KE)
Xi sottotipi jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ avviżi volontarji li mhumiex soġġetti għal dawn id-direttivi, bħall-konsultazzjonijiet ta’ qabel is-suq, it-tlestija tal-kuntratti u l-proċeduri li jaqgħu taħt il-limiti tal-UE.
L-Anness tar-Regolament dwar il-Formoli Elettroniċi jelenka s-46 sottotipi u kif it-termini tan-negozju jintużaw f’kull sottotip. Din il-verżjoni Excel tal-Anness tista’ tagħmilha aktar faċli biex l-informazzjoni tinftiehem iżda hija nnifisha m’għandhiex validità legali.
Ħarsa ġenerali lejn it-tipi tal-formoli, it-tipi ta’ avviżi u s-sottotipi ta’ avviżi:
| Tip tal-Formola | Tip ta’ Avviż | Sottotip ta’ Avviż | Deskrizzjoni |
|---|---|---|---|
| Konsultazzjoni | PMC | E1 | Avviż ta’ Konsultazzjoni Volontarja Qabel is-Suq |
| Ippjanar | Profil tal-avviż informattiv minn qabel | 1-3 | Avviż tal-pubblikazzjoni ta’ avviż informattiv minn qabel (jew avviż indikattiv perjodiku) dwar profil tax-xerrej. |
| Avviż informattiv minn qabel biss | 4-6, E2 | Avviż ta’ informazzjoni minn qabel, jew avviż indikattiv perjodiku, użat biss għall-informazzjoni | |
| Limitu taż-żmien tal-avviż informattiv minn qabel | 7-9 | Avviż informattiv minn qabel, jew avviż indikattiv perjodiku, użat biex jitqassru l-limiti taż-żmien għall-wasla tal-offerti | |
| Kompetizzjoni | CFC ġenerali tal-avviż informattiv minn qabel | 10-11 | Avviż informattiv minn qabel, jew avviż indikattiv perjodiku, użat għal sejħa kompetittiva – reġim standard; |
| CFC soċjali tal-avviż informattiv minn qabel | 12-14 | Avviż informattiv minn qabel, jew avviż indikattiv perjodiku, użat għal sejħa kompetittiva – reġim ħafif | |
| QS | 15 | Avviż dwar l-eżistenza ta’ Sistema ta’ Kwalifika | |
| CN ġenerali | 16-19, E3 | Avviż ta’ kuntratt jew ta’ konċessjoni – reġim standard | |
| CN soċjali | 20-21 | Avviż ta’ Kuntratt – reġim ħafif | |
| CN Sottokuntrattar | 22 | Avviż ta’ sottokuntrattar | |
| CN disinn | 23-24 | Avviż ta’ konkors tad-disinn | |
| DAP | CAN VEAT | 25-28 | Avviż tat-Trasparenza Ex-Ante Volontarju |
| Riżultat | CAN ġenerali | 29-32, E4 | Avviż ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ konċessjoni – reġim standard |
| CAN soċjali | 33-35 | Avviż ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ konċessjoni – reġim ħafif | |
| CAN disinn | 36-37 | Avviż ta’ riżultat ta’ konkors tad-disinn | |
| CM | Modifika f’Kuntratt | 38-40, E6 | Avviż ta’ Modifika f’Kuntratt |
| Tlestija | Avviż tat-Tlestija ta’ Kuntratt | E5 | Avviż tat-Tlestija ta’ Kuntratt Volontarju |
L-SDK tal-formoli elettroniċi
Ir-Regolament dwar il-Formoli Elettroniċi jintroduċi bosta rekwiżiti għad-data li l-avviżi tal-akkwist pubbliku li jużaw il-formoli elettroniċi standard għandhom jiġbru u jippubblikaw (“l-ispeċifikazzjonijiet tal-formoli elettroniċi”).
L-SDK tal-formoli elettroniċi huma l-mod kif l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mmudella u fformalizza dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-formoli elettroniċi. “SDK” tfisser for Software Development Kit (Għodod għall-Iżvilupp tas-Software) u hu mod kif il-kodifikar u d-distribuzzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-formoli elettroniċi jsiru b’format li jinqara minn magna ħalli jkunu jistgħu jintużaw direttament mill-applikazzjonijiet tal-kompjuter.
L-SDK jużawhom is-sistemi tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet stess, l-eSenders li jissottomettu l-avviżi għall-pubblikazzjoni fuq it-TED, u organizzazzjonijiet oħra li jeħtiġilhom jaħdmu bl-avviżi tal-formoli elettroniċi, bħar-riutenti tad-data tat-TED.
L-SDK huma maħsuba biex l-applikazzjonijiet tal-kompjuter ikunu jistgħu, minn naħa, joħolqu u jikkodifikaw avviżi li jimxu skont l-aħħar speċifikazzjonijiet tal-formoli elettroniċi u, min-naħa l-oħra, jaqraw u jinterpretaw l-avviżi maħluqa fil-passat (u b’hekk kapaċi josservaw qafas regolatorju li jaf ikun inbidel fil-frattemp).
Minħabba l-evoluzzjoni kontinwa tal-qafas regolatorju dwar l-akkwist pubbliku Ewropew, l-ispeċifikazzjonijiet tal-formoli elettroniċi jiġu aġġustati regolarment. Biex tiġi indirizzata din in-natura kontinwament evolventi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-formoli elettroniċi, l-SDK jiġu aġġornati regolarment b’rilaxxi ġodda ta’ verżjonijiet jew korrezzjonijiet.
Għalkemm l-SDK mhumiex soġġetti formalment għar-Regolament dwar il-Formoli Elettroniċi, dawn jinkludu wkoll il-formoli meħtieġa skont ir-Regolament 1370/2007 (għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri), ir-Regolamenti 2157/2001, 1435/2003 u 2137/85 (għar-reġistrazzjonijiet tan-negozju) u r-Regolament Finanzjarju tal-UE 2024/2509 (għas-sejħiet għall-espressjoni ta’ interess).
Riżorsi oħrajn
- L-evoluzzjoni tal-formoli elettroniċi jmexxuha l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE, inkluż il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Akkwist Elettroniku.
- Aktar informazzjoni dwar l-SDK tal-formoli elettroniċi tinsab fit-TED Developer Docs u fuq GitHub.

