Sit web uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Azzjoni Preparatorja dwar it-Trasparenza fl-Akkwist Pubbliku
Informazzjoni ġenerali
Azzjoni Preparatorja (AP) hija mfassla biex tittestja idea ġdida ta’ politika f’qasam fejn l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza iżda ma jeżisti ebda att bażiku rilevanti li jippermetti lill-Unjoni tonfoq kwalunkwe flus.
L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (OP) kien responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja “Trasparenza fl-akkwist pubbliku”, li twettqet bejn l-2022 u l-2024.
It-trasparenza hija fil-qofol ta’ din l-Azzjoni Preparatorja u d-denominatur komuni tal-azzjonijiet kollha previsti għall-implimentazzjoni tagħha. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet identifika erba’ oqsma ta’ attività li jduru madwar id-data tat-TED: id-disponibbiltà, il-kwalità, il-leġġibbiltà u l-interoperabbiltà.
Għal kull wieħed minn dawn l-erba’ oqsma, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ressaq diversi proġetti u implimentahom, kif deskritt hawn taħt.
Proġetti tal-leġġibbiltà tad-data
Il-ħsieb wara l-proġett tal-viżwalizzazzjoni tad-data tat-TED kien li tiġi implimentata viżwalizzazzjoni faċli għall-utent, ċara u awtospjegattiva tad-data rilevanti fit-TED, bl-użu ta’ grafika, għodod dinamiċi u traduzzjoni awtomatika. Dan il-proġett kien jinvolvi l-kejl tal-kwalità tad-data, kif ukoll it-tindif u l-arrikkiment tad-data. Hawnhekk tista’ taqra aktar dwar dan biex tara kif il-proġett irawwem il-leġġibbiltà tad-data billi jtejjeb il-viżwalizzazzjoni tad-data tat-TED.
Azzjoni oħra fil-qasam tal-leġġibbiltà tad-data, kienet l-inklużjoni tal-isfidi tal-Akkwist Pubbliku fid-Datathon tal-UE tal-2022, kompetizzjoni annwali tad-data miftuħa organizzata mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, fejn jinġabru timijiet ta’ żgħażagħ mill-Ewropa kollha biex jistimulaw l-innovazzjoni u jittrasformaw l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni tal-UE. Iż-żewġ sfidi li għalihom ingħataw premjijiet kienu t-trasparenza fl-Akkwist Pubbliku u l-opportunitajiet ta’ Akkwist Pubbliku għaż-żgħażagħ.
Proġetti tad-disponibbiltà tad-data
Diversi partijiet interessati, fosthom riċerkaturi u esperti mid-dinja akkademika, jużaw id-data tat-TED. L-OP ried jidentifika u jippromwovi aktar ir-riċerka dwar l-akkwist pubbliku billi jagħti premjijiet għal artikli ppubblikati dwar l-akkwist pubbliku. L-OP beda l-konkors tal-premju Ambaxxatur tat-TED li ffoka fuq it-“Trasparenza fl-akkwist pubbliku”, l-“Akkwist ekoloġiku”, it-“Teknoloġiji emerġenti tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fl-akkwist pubbliku” u l-“Istimulazzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku”. Hawn issib aktar dettalji dwar ir-rebbieħa tal-premju ambaxxatur tat-TED.
Barra minn hekk, l-OP nieda sejħa għal proġetti ta’ riċerka dwar suġġetti tal-akkwist pubbliku li taw l-għarfien ġdid ta’ riċerka li ġej: “Repożitorju ta’ proġetti eżistenti dwar it-trasparenza fl-akkwist pubbliku”, “It-Trasparenza u d-Data Miftuħa fl-Akkwist Pubbliku: Analiżi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea” u “L-akkwist pubbliku Ewropew (2012–2022): indikaturi u mapep tal-kompetizzjoni u l-parteċipazzjoni tal-SMEs għal analiżi transfruntiera bbażata fuq data tat-TED”.
Proġetti tal-interoperabbiltà tad-data
Il-proġett tas-servizz tad-Data miftuħa għandu l-għan li jippermetti l-irkupru bejn magna u oħra ta’ data speċifika dwar l-akkwist pubbliku f’format RDF bl-użu ta’ teknoloġiji moderni. Hawn tista’ taqra aktar dwaru u ssib aktar dettalji u eżempji speċifiċi.
Billi jgħaqqad dawn l-istess prinċipji ta’ interoperabbiltà u l-aħħar tekniki ta’ arrikkiment xprunati mill-IA, il-proġett “Proċeduri tal-Akkwist Pubbliku” jagħti perspettiva aktar intuwittiva fl-avviżi u fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Għandu l-għan li jipprovdi aċċess faċli u kkonsolidat għall-opportunitajiet ta’ negozju u jżid ir-rintraċċabbiltà permezz tal-arrikkiment tal-IA u tas-CPV (vokabularju komuni tal-akkwist).
Proġetti tal-kwalità tad-data
Il-produzzjoni ta’ tutorials bil-video u videos promozzjonali għat-TED kienet parti mill-Azzjoni Preparatorja.
Ipproduċejna 4 tutorials bil-video: “Id-Dashboard Tiegħi”; “Tfittxija avvanzata”; "eNotices2 – Introduzzjoni għal eNotices2"; "eNotices2– Kif timla avviż ta’ kuntratt". Il-videos tista’ tarahom hawn.
U 3 videos promozzjonali: “TED għall-bejjiegħa”; “TED għax-xerrejja” u “TED għall-utenti mill-ġdid tad-data”.
Il-videos tista’ tarahom hawn.
Dawn il-videos ħloqniehom biex jipprovdu aktar gwida lill-utenti, jaqsmu l-aħjar prattiki rigward il-karatteristiċi tat-TED, u jqajmu kuxjenza fost l-utenti.
Ħarsa ġenerali tal-proġetti
B’mod ġenerali, bl-Azzjoni Preparatorja, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ippromwova proġetti innovattivi biex jiżdiedu l-kompletezza u l-preċiżjoni tad-data tat-TED, u b’hekk kopra għalkollox il-mandat fdat lilu mill-Parlament Ewropew.
Hawn taħt tidher illustrazzjoni viżiva tal-proġetti kollha. Xi wħud minn dawn il-proġetti ġew ippreżentati wkoll b’suċċess fl-avveniment tat-TED, "Public Procurement Data Superpowers: Transparency in public procurement – Harnessing artificial intelligence" ta’ April 2024.
Tista’ tikklikkja fuq il-proġetti biex tiskopri aktar.